Saturday, 26 September 2015

Dip tal Brokkoli

Ingredjenti:
250g brokkli jew pastard imsajjar, jew taħlita tat-tnejn
sinna tewm
ofs basla bajda
100ml yoghurt
mgħarfa ġobon maħkuk iebes bħal Parmigiano
100g cream cheese 
kuċċarina ħwawar imħalltin nexfin
Metodu:
Uża blender żgħir tal-elettriku biex tħallat l-ingredjenti kollha flimkien sakemm ikollok taħlita lixxa. Poġġiha fil-friġġ għal mill-inqas sagħtejn qabel ma sservi bil-ħobż mixwi bħala ikla ħafifa jew għal mad-drinks. 

Kejk tal Qargha Hamra

żewġ kikkri u nofs dqiq
żewġ kuċċarini baking powder
kuċċarina u nofs kanella
nofs kuċċarina noce muskata
niskata melħ
kikkra u nofs zokkor
tliet kwarti ta' kikkra butir
tliet bajdied
tliet kwarti ta' kikkra qargħa ħamra purée
nofs kikkra ħalib
kuċċarina vanilla
Għal mili:
125g cream cheese
kwart ta' kikkra zokkor
Metodu:
Għall-kejk: Ħabbat il-butir, iz zokkor u żid il bajd. Wara żid il-qargħa ħamra, id- dqid u l-vanilla. Ħabbat fil-mixer. Żid id-dqiq.
Prepara forma tal-kejk bil-karta tal-forn. Ferra nofs it-taħlita tal-kejk fid-dixx.
Fuqha ferra' saff milli. Fuqu ferra' l-kumplament tat-taħlita tal-kejk.
Aħmi għal 45 minuta fil-forn li tkun diġà saħħant f'temperatura ta' 170 grad celsuis.
Għall-mili ħabbat iż-żewġ ingredienti flimkien.

Friday, 25 September 2015

Kejk tal Banana u Zunnarija

butir biex tidlek il-landa
100ml żejt taż-żebbuġa
125ml yoghurt
250g żbib isfar (xarrabhom u itħanhom)
4 bajdiet separati
100g zunnarija maħkuka
2 bananiet immaxxjati
300g dqiq self-raising
kuċċarina bikarbonat
nofs kuċċarina ginger
nofs kuċċarina kanella
50g ġewż imqatta'
50g coconut
Metodu:
Ħallat iż-żejt taż-żebbuġa, il-yoghurt, l-isfra tal bajd, il-banana u ż-żbib. Uża hand blender biex tħawwad kollox flimkien.
Għarbel id-dqiq, żid il-bikarbonat, il-coconut, il-ġewż, il-kannella u l-ginger.
Ħabbat l-abjad tal-bajd sakemm jiġi xkuma. Żid iz-zunnarija mat-taħlita tad-dqiq. Wara żid il-likwidi. Fl-aħħar ġentilment ħallat l-ixkuma mat-taħlita.
Poġġi ġo dixx tal-kejkijiet u aħmi f'forn f'temperatura ta' 160 grad Celcius għal 35 minuta.

Thursday, 24 September 2015

Cookies tal Banana u l Hafur


kikkra banana misjura, mgħaffġa bi ftit qtar tal-lumi (daqs żewġ bananiet)
nofs tazza puree tat-tuffieħ mgħolli
kikkra u nofs ħafur 
nofs kuċċarina kannella
nofs kikkra passolina 
ftit qtar vanilla
Metodu:
Saħħan il-forn għal 170 grad Celcius u iksi dixx bil-karta forn. Ħallat l-ingredjenti kollha flimkien. Poġġi mgħarfa kull darba mit-taħlita fuq il-folja tal-ħami u ċċattja ftit b'subgħajk. Aħmi għal madwar 20 minuta jew sakemm il-kulur isir dehbi ċar.

Monday, 21 September 2015

Crumble tal Qargha Hamra

Għandek bżonn:
kilo qargħa ħamra msajra
basla, imqattagħa u moqlija
kurrat 
żewġ patatiet imsajrin u mqattgħin
melħ u bżar
ftit noċemuskata
sitt ġbejniet friski mqattgħin biċċiet
Għall-wiċċ:
300g dqiq
100g butir
50g ġobon maħkuk
50g bran flakes
Metodu:
Ħallat il-basla, patata, qargħa ħamra u noċemuskata flimkien. Żid ftit melħ u bżar. Dellek dixx bi ftit żejt. Poġġi t-taħlita tal-ħaxix ġo dixx. Agħmel saff biċċiet tal-ġbejniet friski.
Għall-wiċċ, ħaddem il-butir fid-dqiq. Żid il-ġobon maħkuk. Kisser il-bran flakes biċċiet żgħar u ħallathom mat-taħlita tad-dqiq. Ferrex it-taħlita fil-wiċċ tad-dixx.
Aħmi għal nofs siegħa f'temperatura ta' 180 grad Celsius.
Din hija riċetta ta' Lea  Hogg imxandra fil-programm Kalamita 

Sunday, 20 September 2015

Cookie Cake

Minflok tagħmel cookies individwali, tista' tagħmel cookie waħda kbira li tiġi qisha kejk, ideali għal xi party tat-tfal.
Ingredjenti:
225g butir mingħajr melħ
100g zokkor ismar
150g zokkor muscovado
2 bajdiet
ftit qtar vanilla
250g dqiq self-raising
300g chocolate chips
Metodu:
Ħabbat flimkien il-butir u z-zokkor sakemm it-taħlita tkun kremuża. Żid il- bajd u vanilla u kompli ħawwad sakemm il-bajd ikun inkorporat fit-taħlita. Żid id-dqiq. Ħawwad. Fl-aħħar nett żid iċ-chocolate chips u ħawwad b'mgħarfa tal-metall.  
Iksi dixx tal-forn bil-kartaforn. Ferra' t-taħlita u aħmi f'temperatura ta' 180 grad Celcius għal 35 minuta.

Friday, 18 September 2015

Tigieg bil gbejniet il forn


500g tiġieġ imsajjar u mqatta' biċċiet
250g qlub tal-qaqoċċ imsajrin u mqattgħin, jew tal-bott jekk ma jkunx żmienu
250g spinaċi msajjar u mqatta', jew iffriżat jekk ma ssibx frisk
basla mqattgħa u msajra
sinna tewm maħkuka
kikkra yoghurt
kikkra mayonnaise
nofs kikkra mozzarella maħkuka
nofs kuċċarina rignu niexef
nofs kikkra ġbejna bajda niexfa maħkuka
melħ u bżar
Metodu:
Żomm għall-wiċċ mgħarfa ġbejna maħkuka u mgħarfa mozzarella. Ħallat l-ingredjenti kollha flimkien. Fil-wiċċ poġġi l-ġbejna maħkuka u l-mozzarella li rfajt. Aħmi fil-forn f'temperatura ta' 180°C għal nofs siegħa sakemm il-wiċċ jibda jieħu kulur sabiħ. Ħalli d-dixx joqgħod għal 10 minuti qabel ma sservi. Servi b'żewġ mgħaref quinoa, barley jew bulgar bħala kontorn.

Thursday, 17 September 2015

Insalata tal Bulgar bil gbienet

Għandek bżonn:
250g medium bulgur wheat
ponn kbir rukola ta' Malta jew taħlita ta' tursin u nagħniegħ, imqatta' rqiq
2 ġbejniet tal-bżar, imqattgħin dadi
2 tadamiet, imqattgħin żgħar
landa ċiċri (neħħilhom l-ilma u laħlaħhom)
kuċċarina qoxra tal-lumi maħkuka
mgħarfa meraq tal-lumi
bżaru aħmar frisk (jekk trid)
melħ u bżar
4 mgħaref żejt taż-żebbuġa
Metodu:
Poġġi l-bulgur wheat ġo skutella kbira u għerrqu fl-ilma. Ħallih għal mill-inqas siegħa. Jien inħobb inħallih daqs erba' sigħat ħalli jirtab. Imbagħad saffih mill-ilma u ħallih fil-passatur ħalli tneħħi kemm tista' ilma minnu. Poġġih ġol-iskutella li se tuża biex isservi.
Żid ir-rukola (jew it-tursin u n-nagħniegħ), it-tadam, iċ-ċiċri, il-ġbejniet u l-bżaru (jekk se tużah). Ħallat bil-mod biex l-ingredjenti ma jitgħaffġux. Żid il-melħ u l-bżar u l-qoxra tal-lumija maħkuka. Ħallat. Żid iż-żejt taż-żebbuġa u l-meraq tal-lumi. Ħallat.
Servi mill-ewwel jew poġġi l-insalata fil-friġġ u servi wara. Tista' żżommha sal-għada. Tista' sservi din l-insalata bħala platt prinċipali jew bħala kontorn.

Monday, 14 September 2015

Kejk tal Kafe u Gewz



150g dqiq self raising
kuċċarina baking powder
nofs kuċċarina bikarbonat
125ml yoghurt
2 mgħaref żejt taż-żebbuġa
3 bajdiet
120g zokkor jew ekwivalenti stevia
mgħarfa trab tal-kafè espresso instant
50g ġewż imqatta' fin ħafna
nisktata noċemuskata
ftit qtar vanilla
8 nofsijiet tal-ġewż għall-wiċċ qabel ma taħmi

Metodu:

Ħallat il-bajd, il-yoghurt, il-vanilla u ż-żejt taż-żebbuġa ġo skutella. Għarbel id-dqiq.  Żid il-baking powder u l-bikarbonat, il-kafè, in-noċemuskata u l-ġewż imqatta'. Ipprepara landa tal-kejkijiet ta' 23ċm midluka bi ftit butir. Żid it-taħlita tad-dqiq mal- ingredjenti likwidi. Żejjen il-wiċċ bil-ġellewż.
Aħmi f'temperatura ta' 160 grad Celcius għal 40 minuta.  Wara nofs siegħa ċċekkja l-kejk imma tiftaħx il-forn qabel. 

Sunday, 13 September 2015

Collectable recipes - timesofmalta.com

Collectable recipes - timesofmalta.com

Collectable recipes - timesofmalta.com

Collectable recipes - timesofmalta.com

Scones tal Lumi

Għandek bżonn:
400g dqiq self-raising
200g irkotta
qoxra ta' lumija maħkuka
meraq ta' lumija
żewġ mgħaref għasel
żewġ bajdiet
Metodu:
Għarbel id-dqiq u ħaddem l-irkotta fih. Żid l-għasel, il-qoxra u l-meraq tal-lumija u l-bajd. Agħmel l-għaġina.Tħallihiex toqgħod fil-friġġ imma iftaħha mill-ewwel. Uża cutter biex taqta' l-iscones. Dawn jridu jkunu għoljin 3ċm.
Poġġi l-iscones fuq dixx miksi bil-kartaforn. Aħmi f'forn f'temperatura ta' 160 gradCelsius għal 25 minuta. Fl-aħħar ħames minuti idlek bi ftit bajd imħabbat billi tuża pinzell. Erġa' daħħalhom fil-forn.
Servi l-iscones sħan jew kesħin, bil-ġamm jew bl-irkotta jew bil-ġbejniet friski. Meta toħroġhom mill-forn tista' tidlikhom ħafif bl-għasel.

Kejk tal Banana u Coconut


Għandek bżonn:
3 kikkri dqiq self-raising
2 kikkri coconut
kuċċarina bikarbonat
ftit qtar tal-vanilla 
kikkra rkotta
4 bajdiet separati 
250g passolina, imxarrba u mitħuna
4 bananiet
Metodu: 
Ġo skutelka poġġi d-dqiq, il-coconut u l-bikarbonat u ħawwad. Żid il-passolina, il-banana, l-isfar tal bajd,il-vanilla u l-irkotta u erġa' ħawwad. Ħabbat l-abjad tal-bajd sakemm jiġi xkuma u żidu mat-taħlita. Poġġi f'dixx tal-kejkijiet u aħmi għal 35 minuta f'temperatura ta' 170 grad Celcius.

Scones tan Nanniegh u kappar

Din ir-riċetta hija tradizjonalment Irlandiża, imma jien inżidilha magħha ingredienti ta' pajjiżna li nużaw kuljum u ġew veru delizjużi. Tajbin ukoll isservihom ma xi soppa u tista' jew tikolhom kif inhuma jew bħal kif jagħmlu l-Irlanda jdelkuhom bil-butir. Jien personali jgħoġbuni wkoll imbillin fiż-żejt taż- żebbuġa.
Għal erba' persuni għandek bżonn:
40g butir
225g dqiq self raising
niskata melħ
bajda
5 sa 6 mgħaref ħalib
tliet mgħaref nagħniegħ friska mqatta' irqiqa
żewġ mgħaref kappar
kwart ta' kuċċarina nagħniegħ niexfa
bżar midħun frisk
Abjad tal bajd għal wiċċ
Għall-iscones uża cutter ta' 7 cm.
Metodu
Saħħan il-forn għal temperatura ta' 190 grad celsuis.
Iksi dixx tal-forn bil-baking paper.
Agħrbel id-dqiq. Ħaddem il-butir b'subgħajk fid-dqiq sakemm it-taħlita tidher fina.
Żied ftit melħ, in-nagħniegħ u l-kappar.
Ħallat il-bajda mħabta u mbagħad il-ħalib. Jekk hemm bżonn żied iktar ħalib.
Għaqqad l-għaġina flimkien. Tħaddimix ħafna għax l-iscones jiġu iktar ħfief mingħajr ma tgħaġinhom ħafna.
Iftaħ l-għaġina sakemm ikollok ħxuna ta' 5 cm, tgħamilix irqaq minn 5 cm.
Aqta' b'cutter u poġġi l-iscones fuq dixx tal-forn.
B'pinzel poġġi ftit abjad tal-bajd fuq il-wiċċ u aħmi fil-forn għal 15-il minuta.
Żejjen b'weraq tan-nagħniegħ friski. Jiena inservi magħhom tadam żgħir (cherry tomatoes).

Scones tal Laring

Ingredjenti:
400g dqiq self raising
200g irkotta
qoxra ta' larinġa maħkuka
meraq ta' larinġa
żewġ mgħaref għasel
żewġ bajdied.
Metodu:
Ħaddem l-irkotta fid-dqiq wara li tagħaddih minn passatur. Żid l-għasel, il-qoxra ta' larinġa, il-bajd u l-meraq tal-larinġ. Agħmel l-għaġina. Tħalliex toqgħod fil-fridge imma mal-ewwel iftaħha u uża cutter biex tqatta' l-iscones.  Dawn jridu jkunu 3 cm għoljin.
Poġġi fuq dixx miksi bil-karta forn. Aħmi f'forn f'temperatura ta' 160 grad celsuis għal 25 minuta. Fl-aħħar ħames minuti idlek bi ftit bajd imħabbat billi tuża pinzell u ferrex ftit qoxra tal-larinġ fil-wiċċ. Irritorna fil-forn. Servi sħan jew kesħin.

Torta tal irkotta u l lewz


Din ir-riċetta tradizzjonali Maltija għamiltha fil-programm dan l-aħħar meta ġie jżurni Anton Dougall. Hija riċetta tiegħu imma adattajtha u minflok il-butir fl-għaġina għamilt żejt taż-żebbuġa. Fil-mili neħħejt iz-zokkor u użajt Stevia minflok. 
Għandek bżonn:
Għaġina bl-irkotta u ż-żejt taż-żebbuġa:
500g dqiq plain
100g irkotta
50ml żejt taż-żebbuga
bajda
vanilla
qoxra ta' lumija
Mili:
600g irkotta
100ml yoghurt
200g lewż mitħun
120g Stevia
100g konfettura
75g lewż imqatta'
60g ċirasa
3 bajdiet
qoxra ta' lumija u larinġa maħkuka
Metodu:
Poġġi l-irkotta ġo skutella kbira u ħallat il-yoghurt magħha sakemm il-konsistenza tiġi kremuża. Żid l-istevia, il-lewż mitħun, il-qxur tal-lumi u larinġ, il-konfettura u ċ-ċirasa. Ħawwad u żid il-bajd.
Saħħan il-forn għal 180 grad Celcius. Iksi dixx tat-torti bl-għaġina. Taqqab l-għaġina billi tuża furketta. Aħmi fil-forn għal 15-il minuta. Oħroġha mill forn u ħalliha tiksaħ. Ixħet il-mili u żejjen il-wiċċ bil-lewż imqatta'. Aħmi għal 35 minuta f' temperatura ta' 160 grad Celcius. Ħalliha tiksah qabel ma sservi.

Kejk ta tamal bil hmira

ngredjenti:
200g tamal
250g dqiq '00' jew plain
pakkett ħmira niexfa
niskata melħ
100g zokkor (jew 50 g zokkor u 50 g stevia)
2 bajdiet
kuċċarina kannella
125ml yoghurt
ftit qtar vanilla
qoxra ta' lumija maħkuka
Metodu:
Ħawwad id-dqiq u l-ħmira flimkien. Żid iz-zokkor u niskata melħ, it-tamal, il-bajd, il-kannella, il-yoghurt, il-vanilla u l-qoxra maħkuka. Iksi l-iskutella b'sarvetta nadifa u ħalliha għal lejl. L-ghada filgħodu poġġi t-taħlita f'dixx midluk bil-butir u ħallih joqgħod għal siegħa sakemm jirdoppja fil-volum. Aħmi f'temperatura ta' 180 grad Celcius għal 25 minuta. Saħħan ftit għasel u idlek il-wiċċ billi tuża pinzell.

Pudina tal Hobz

Din hija riċetta li qasam miegħi Renato Briffa, speċjalista tal-ħelu Malti fl-ITS.
Ikollok bżonn: 
dixx ta' 35ċm x 25ċm x 6ċm
ħobża mqattgħa
4 mgħaref trab tal-kawkaw 
150g butir imdewweb
qoxra ta' kwart ta' lumija u kwart ta' larinġa
4 bajdiet
4 qatriet essenza tal-vanilla
25g sultana 
kwart ta' kuċċarina ħwawar imħallta
kwart ta' kuċċarina kannella
niskata noċemuskata 
25g ċikkulata skura mqattgħa 
2 mgħaref ġamm (Renato uża tal-frawli)
grokk Grand Marnier
25g konfettura
50g coconut
75g lewż mitħun 
70g trab tal-custard (mhux obbligatorju) 
biżżejjed ħalib biex ikollok konsistenza tajba kif ukoll biex ixxarrab il-ħobż fih
Metodu:
Xarrab il-ħobż fil-ħalib għal mill-inqas siegħa u mbagħad saffih. Ħawwad l-ingredjenti kollha flimkien fi skutella. Poġġi t-taħlita fid-dixx midluk bil-butir. Aħmi f'temperatura ta' 190 grad Celcius għal bejn tliet kwarti u siegħa.

Tuesday, 8 September 2015

Tian tal Haxix

Kont ħadt din l-idea meta rajt lill-Barefoot Contessa tagħmel riċetta fuq it-televiżjoni.  Nagħmilha ħafna u nbiddel il-ħaxix li nkun qiegħda nuża. Tajba bħala kontorn mal-ikla prinċipali jew tista' tikolha bħala ikla ħafifa.  
Ingredjenti: 
  • Mgħarfa żejt taż-żebbuġa 
  • Basla bajda, imqattgħa biċċiet żgħar
  • 2 sinniet tewm maħkuka
  • 2 patatiet bil-qoxra, mqattgħin tondi rqaq
  • 2 qarabagħliet (nippreferi l-courgette għal dan id-dixx għax il-kontenut tal-ilma fih huwa inqas)
  • 2 tadamiet kbar
  • Melħ u bżar
  • 2 mgħaref ġbejna iebsa bajda

  1. Saħħan il-forn 180 °C. Idlek dixx ta' 20 ċm biż-żejt taż-żebbuġa billi tuża pinzell.  
  2. Ġo taġen, saħħan 2 mgħaref żejt taż-żebbuġa u sajjar il-basal fuq nar bati għal bejn 8 u 10 minuti.  Żid it-tewm u sajjar għal minuta oħra. 
  3. Ifrex it-taħlita tal-basal fuq il-qiegħ tad- dixx.  Poġġi felli zucchini, tadama u patata.  Ibqa' sejra hekk sa ma timla d-dixx.  Ferrex ftit melħ u bżar jekk tixtieq u mgħarfa ħwawar friski li jogħġbuk.  Żid ir-rignu niexef.   
  4. Għatti d-dixx bil-fidda u aħmi għal 35 minuta, sakemm il-patata ssir. 
  5. Ikxef id-dixx, ferrex il-ġbejna bajda fil-wiċċ ħafif u aħmi għal 30 minuta oħra sakemm il-ġbejna tinħall u l-kulur jismar. Servi sħun.

Blalen tal Energia



żewġ kikkri tamal
 
żewġ kikkri ġewż tal-Indi
Kikkra pruna niexfa 
Kikkra tin niexef 
1/2 kikkra passolina 
1/4 ta' kikkra ġunġlien 
żewġt imgħaref għasel 
1/2 kikkra lewż 
1/2 kikkra ħalib tal-lewż (almond milk)
Biex trembel il-blalen: 
għandek bżonn żewġ kikkri ġunġlien u żewġ kikkri ġewż tal-Indi 
  
Metodu: 
1. Qatta' l-ingredjenti kollha. 
2. Ħallat kollox f'bieqja u ħawwad kollox sew flimkien bl-għajnuna ta' food processor. 
3. Uża mgħarfa biex trembel il-blalen b'idek. 
4. Iksi żewġ dixxijiet bil-kartaforn. Jiena għamilt nofs it-taħlita miksija bil-ġunġlien u n-nofs l-ieħor miksija bil-ġewż tal-Indi. 
5. Dawn il-blalen tista' anke tiffriżahom.

Ir Rummien ta Malta

Matul ix-xhur sħan tas-sajf taffejna ftit l-għatx bl-abbundanza u l-varjetà ta’ frott li jkun hawn fis-suq. Din il-barka kollha ma’ dħul il-ħarifa tonqos ħesrem, u tħallilna biss memorji ta’ rwejjaħ ifuħu u togħma ħelwa u bnina. F’dan il-perjodu dawk kollha li jħobbu l-frott ifittxu frotta li tkun fl-aqwa tagħha – ir-rummiena. L-għamla tonda u lixxa tal-frott li trid tkun taf kif għandek tofroqha, il-kulur ħamrani li jattira l-għajn, dawk is-snien kollha ppustjati waħda ħdejn waħda li jinqalgħu biss b’ħafna paċenzja, u dak il-meraq li jtebba’ b’togħma ta’ bejn ħelu u qares, iġiegħlu lil ħafna nies jinġibdu lejn din il-frotta filwaqt li oħrajn jitnaffru.

Isem

L-isem botaniku mogħti lil din is-siġra hu Punica granatum, dak bl-Ingliż ‘pomegranate’ li ġej mill-Latin ‘pomum granatum’ u li tfisser tuffieħa b’ħafna żerriegħa, dak Taljan ‘melograno’, u dak Malti ‘rummien’ kelma ta’ nisel Semitiku. Il-botaniċi jikklassifikaw din is-siġra fil-familja Punicaceae, familja li fiha biss żewġ speċi.
 F’Malta hawn diversi kwalitajiet ta’ rummien. Din is-sigra li oriġinat fil-Punent tal-Ażja kienet tintuża ħafna fi żmien il-qedem għall-kura tal-bniedem. Il-qoxra tal-frotta kienet titgħalla mal-kemmun u l-ilma kienu jixorbuh, fost oħrajn, biex itaffi l-uġigħ tal-għadam, tas-snien u tal-ħanek. Jingħad li kien jittieħed ukoll biex titneħħa d-duda mill-imsaren. Dan kollu, għax kif illum hu aktar magħruf, ir-rummien fih għadd ta’ ossidanti li jgħinu ħafna l-ġisem. Iżda minbarra kull benefiċċju mediċinali, il-qoxra kienet titgħalla wkoll biex jiġi estratt il-kulur aħmar fil-vjola biex jiżbgħu l-ħwejjeġ.
Fl-imgħoddi kienu jirraġunaw li permezz tal-beraq matul l-ewwel maltemp kien jissajjar ir-rummien. Dan mhu veru xejn u hu ż-żmien li l-frotta ssir li jinzerta fil-perjodu li wkoll jibda l-maltemp. Il-meraq tar-rummien, li wkoll tajjeb għas-saħħa, faċli ħafna biex tieħdu, kemm tpoġġi l-frott imqaxxar f’passatur u tgħaffġu permezz ta’ masher. Fl-opinjoni tiegħi, l-aħjar tpoġġih għal ftit ħin fil-friġġ biex jiksaħ qabel jiġi kkonsmat.
Kuluru tassew sabiħ u m’għandekx għal xiex iżżidlu z-zokkor miegħu, għax għandu ħlewwa naturali. Trid biss il-paċenzja biex tqaxxru!

Storja

Il-Feniċi u warajhom il-Kartaġinżi li ħakmu Pajjiżna madwar 1,000 Q.K., kienu l-mezz li biha din is-siġra waslet fil-gżejjer tagħna mill-imkejjen imbiegħda tal-Ażj atal-Punent, post fejn illum insibu pajjiżi bħat-Turkmenistan, l-Uzbekistan, l-Afganistan u l-Iran. L-eqdem evidenza tal-kultivazzjoni ta’ din is-siġra teħodna lura għall-ewwel ċiviltà li tatna l-kitba, dik Sumera li ffjorixxiet madwar ​is-sena 3,000 Q.K. Mingħand dan il-poplu għaddiet għand l-Eġizzjani li pinġewha fl-oqbra tagħhom, il-Griegi li daħħluha fil-rakkont mitoloġiku ta’ Persefone, l-Ebrej li jqisuha bħala siġra sagra u tissemma fil-Bibbja, u l-Feniċi li addottawha bħala s-siġra nazzjonali.

Clafoutis bil gbejniet u cherry tomatoes

Clafoutis bit-tadam u l-ġbejniet friski

06:53  |  05.09.2015

Ingredjenti:
350g cherry tomatoes
6 bajdiet imħabbtin
kikkra ħalib
kwart ta’ kikkra dqiq
kwart ta’ kuċċarina riegnu niexef
150g ġbejniet friski (poġġihom ġo passatur għal siegħa biex tneħħi l-ilma)
Metodu:
Saħħan il-forn għal 180°C. Ifrex it-tadam fil-qiegħ ta’ dixx ta’ 23ċm midluk biż-żejt taż-żebbuġa. Poġġi l-bajd imħabbat fi skutella u żid il-ħalib. Żid id-dqiq u ħawwad sew. Żid ir-riegnu. Immaxxja l-ġbejniet u żidhom mat-taħlita. Ferra’ fid-dixx fejn poġġejt it-tadam. Aħmi għal 35-40 minuta sakemm il-wiċċ jiġi kulur dehbi. Ħalliha tiksaħ għal ftit minuti qabel ma sservi. Tista' sserviha bħala ikla prinċipali, jew imqattgħa slices mad-drinks.

Biskuttini tar-raħal

07:25  |  08.09.2015

Din ir-riċetta hija tal-ħabib tiegħi Renato Briffa, lecturer fl-ITS u speċjalista tal-ħelu Malti. Dawn il-biskuttini huma ekonomiċi aktar mill-biskuttini tal-lewż jew taċ-ċirasa.
Ingredjenti (għal 35-40 biskuttin):
250g dqiq
125g zokkor
50g butir
125g bajd (iżen il-likwidu)
35g lewż mitħun
20g aniżetta
10g baking powder
niskata msiemer tal-qronfol mitħunin
ftit qtar vanilla
qoxra maħkuka ta' kwart ta' larinġa u kwart ta' lumija
Metodu:
B'mixer tal-elettriku ħawwad iz-zokkor u l-butir u meta t-taħlita ssir ħafifa żid il-bajd imħabbat. Għarbel il-dqiq u l-baking powder. Żid il-ħwawar, il-lewż mitħun, il-vanilla u l-qoxra taċ-ċitru u ħawwad bil-mod sakemm ikollok konsistenza lixxa.
Żid l-ingredjenti xottmal-taħlita tal-butir u ħawwad b'mgħarfa kbira tal-metall.
Iksi dixx bil-kartaforn. Ippajpja t-taħlita ftit ftit fuq id-dixx jew inkella uża kuċċarina.
Aħmi ġo forn b'temperatura ta' 190 grad Celcius għal madwar 15-il minuta. Tħallihomx isiru kanella.
Jekk trid, meta jiksħu ppajpja disinn bil-ġelu, tradizzjonalment ta' lewn ikħal jew roża.