Din ir-riċetta hija tradizjonalment Irlandiża, imma jien inżidilha magħha ingredienti ta' pajjiżna li nużaw kuljum u ġew veru delizjużi. Tajbin ukoll isservihom ma xi soppa u tista' jew tikolhom kif inhuma jew bħal kif jagħmlu l-Irlanda jdelkuhom bil-butir. Jien personali jgħoġbuni wkoll imbillin fiż-żejt taż- żebbuġa.
Għal erba' persuni għandek bżonn:
40g butir
225g dqiq self raising
niskata melħ
bajda
5 sa 6 mgħaref ħalib
tliet mgħaref nagħniegħ friska mqatta' irqiqa
żewġ mgħaref kappar
kwart ta' kuċċarina nagħniegħ niexfa
bżar midħun frisk
Abjad tal bajd għal wiċċ
Għall-iscones uża cutter ta' 7 cm.
Metodu
Saħħan il-forn għal temperatura ta' 190 grad celsuis.
Iksi dixx tal-forn bil-baking paper.
Agħrbel id-dqiq. Ħaddem il-butir b'subgħajk fid-dqiq sakemm it-taħlita tidher fina.
Żied ftit melħ, in-nagħniegħ u l-kappar.
Ħallat il-bajda mħabta u mbagħad il-ħalib. Jekk hemm bżonn żied iktar ħalib.
Għaqqad l-għaġina flimkien. Tħaddimix ħafna għax l-iscones jiġu iktar ħfief mingħajr ma tgħaġinhom ħafna.
Iftaħ l-għaġina sakemm ikollok ħxuna ta' 5 cm, tgħamilix irqaq minn 5 cm.
Aqta' b'cutter u poġġi l-iscones fuq dixx tal-forn.
B'pinzel poġġi ftit abjad tal-bajd fuq il-wiċċ u aħmi fil-forn għal 15-il minuta.
Żejjen b'weraq tan-nagħniegħ friski. Jiena inservi magħhom tadam żgħir (cherry tomatoes).
No comments:
Post a Comment