Tuesday, 8 September 2015

Ir Rummien ta Malta

Matul ix-xhur sħan tas-sajf taffejna ftit l-għatx bl-abbundanza u l-varjetà ta’ frott li jkun hawn fis-suq. Din il-barka kollha ma’ dħul il-ħarifa tonqos ħesrem, u tħallilna biss memorji ta’ rwejjaħ ifuħu u togħma ħelwa u bnina. F’dan il-perjodu dawk kollha li jħobbu l-frott ifittxu frotta li tkun fl-aqwa tagħha – ir-rummiena. L-għamla tonda u lixxa tal-frott li trid tkun taf kif għandek tofroqha, il-kulur ħamrani li jattira l-għajn, dawk is-snien kollha ppustjati waħda ħdejn waħda li jinqalgħu biss b’ħafna paċenzja, u dak il-meraq li jtebba’ b’togħma ta’ bejn ħelu u qares, iġiegħlu lil ħafna nies jinġibdu lejn din il-frotta filwaqt li oħrajn jitnaffru.

Isem

L-isem botaniku mogħti lil din is-siġra hu Punica granatum, dak bl-Ingliż ‘pomegranate’ li ġej mill-Latin ‘pomum granatum’ u li tfisser tuffieħa b’ħafna żerriegħa, dak Taljan ‘melograno’, u dak Malti ‘rummien’ kelma ta’ nisel Semitiku. Il-botaniċi jikklassifikaw din is-siġra fil-familja Punicaceae, familja li fiha biss żewġ speċi.
 F’Malta hawn diversi kwalitajiet ta’ rummien. Din is-sigra li oriġinat fil-Punent tal-Ażja kienet tintuża ħafna fi żmien il-qedem għall-kura tal-bniedem. Il-qoxra tal-frotta kienet titgħalla mal-kemmun u l-ilma kienu jixorbuh, fost oħrajn, biex itaffi l-uġigħ tal-għadam, tas-snien u tal-ħanek. Jingħad li kien jittieħed ukoll biex titneħħa d-duda mill-imsaren. Dan kollu, għax kif illum hu aktar magħruf, ir-rummien fih għadd ta’ ossidanti li jgħinu ħafna l-ġisem. Iżda minbarra kull benefiċċju mediċinali, il-qoxra kienet titgħalla wkoll biex jiġi estratt il-kulur aħmar fil-vjola biex jiżbgħu l-ħwejjeġ.
Fl-imgħoddi kienu jirraġunaw li permezz tal-beraq matul l-ewwel maltemp kien jissajjar ir-rummien. Dan mhu veru xejn u hu ż-żmien li l-frotta ssir li jinzerta fil-perjodu li wkoll jibda l-maltemp. Il-meraq tar-rummien, li wkoll tajjeb għas-saħħa, faċli ħafna biex tieħdu, kemm tpoġġi l-frott imqaxxar f’passatur u tgħaffġu permezz ta’ masher. Fl-opinjoni tiegħi, l-aħjar tpoġġih għal ftit ħin fil-friġġ biex jiksaħ qabel jiġi kkonsmat.
Kuluru tassew sabiħ u m’għandekx għal xiex iżżidlu z-zokkor miegħu, għax għandu ħlewwa naturali. Trid biss il-paċenzja biex tqaxxru!

Storja

Il-Feniċi u warajhom il-Kartaġinżi li ħakmu Pajjiżna madwar 1,000 Q.K., kienu l-mezz li biha din is-siġra waslet fil-gżejjer tagħna mill-imkejjen imbiegħda tal-Ażj atal-Punent, post fejn illum insibu pajjiżi bħat-Turkmenistan, l-Uzbekistan, l-Afganistan u l-Iran. L-eqdem evidenza tal-kultivazzjoni ta’ din is-siġra teħodna lura għall-ewwel ċiviltà li tatna l-kitba, dik Sumera li ffjorixxiet madwar ​is-sena 3,000 Q.K. Mingħand dan il-poplu għaddiet għand l-Eġizzjani li pinġewha fl-oqbra tagħhom, il-Griegi li daħħluha fil-rakkont mitoloġiku ta’ Persefone, l-Ebrej li jqisuha bħala siġra sagra u tissemma fil-Bibbja, u l-Feniċi li addottawha bħala s-siġra nazzjonali.

No comments:

Post a Comment